Lament Għal Ignacio Sanchez Méjias By Federico Garcia Lorca (Translated Into Maltese) Poem by Therese Pace

Lament Għal Ignacio Sanchez Méjias By Federico Garcia Lorca (Translated Into Maltese)

1 Il-COGIDA U L-MEWT
Fil-ħamsa ta' waranofsinhar.
Kienu eżatt il-ħamsa ta' waranofsinhar.

Tfajjel ġab il-liżar abjad
fil-ħamsa ta' waranofsinhar.

Ġewlaq ġir ippreparat għal-lest
fil-ħamsa ta' waranofsinhar.

Il-bqija kien mewt, u mewt biss.
Fil-ħamsa ta' waranofsinhar.


Ir-riħ ġarr miegħu t-tajjar
fil-ħamsa ta' waranofsinhar

u l-ossidu ferrex kristall u nikil
fil-ħamsa ta' waranofsinhar.

Issa l-ħamiema u l-leopard jitqabdu
fil-ħamsa ta' waranofsinhar.

u koxxa iddolorata b'qarn
fil-ħamsa ta' waranofsinhar.

Beda d-daqq tal-korda l-baxxa
fil-ħamsa ta' waranofsinhar

qniepen ta' arseniku u duħħan
fil-ħamsa ta' waranofsinhar.

Gruppi ta' skiet fl-irkejjen
fil-ħamsa ta' waranofsinhar.

U l-barri biss b'qalbu ferħana!
fil-ħamsa ta' waranofsinhar.

Hu u ġej l-għaraq tas-silġ
fil-ħamsa ta' waranofsinhar,

Meta l-arena tal-barri kienet miksija bil-jodju
fil-ħamsa ta' waranofsinhar.

Il-mewt biedet bajd fil-ġerħa
fil-ħamsa ta' waranofsinhar.

Fil-ħamsa ta' waranofsinhar.
Eżatt fil-ħamsa ta' waranofsinhar.


Tebut fuq ir-roti hi soddtu
fil-ħamsa ta' waranofsinhar.

Għadam u flawti jidwu f'widnejh
fil-ħamsa ta' waranofsinhar.

Issa l-barri diġa qed jonfor minn ġe' moħħu
fil-ħamsa ta' waranofsinhar.

Il-kamra kienet tiddi bl-agunija
fil-ħamsa ta' waranofsinhar.

Fil-bogħod issa tiġi l-gangrena
fil-ħamsa ta' waranofsinhar.

Qarn tal-ġilju fil-wirkejn ħadrana
Fil-ħamsa ta' waranofsinhar.

Il-ġrieħi kienu jikwu bħax-xmux
fil-ħamsa ta' waranofsinhar,

u l-folla kienet qed tkisser it-twieqi
fil-ħamsa ta' waranofsinhar.

Fil-ħamsa ta' waranofsinhar.
Ah, dik il-ħamsa ta' waranofsinhar fatali!

Kienu l-ħamsa fuq l-arloġġi kollha!
Kienu l-ħamsa fid-dell ta' waranofsinhar!



2 ID-DEMM IMXERRED

Ma narahx!

Għidu lill-qamar jiġi,
għax ma rridx nara d-demm
ta' Ignacio fuq ir-ramel.

Ma rridx narah!

Il-qamar infetaħ beraħ.
Żwiemel ta' sħajjeb wieqfa ċassi,
u l-arena griża tal-ħolm
biż-żafżaf fil-barreras.

Ma rridx narah!
Ħalluli l-memorja titkebbes!
Fietel il-ġiżimin
ta' bjuda hekk ċkejkuna!

Ma rridx narah!

Il-baqra tad-dinja antika
għaddiet ilsienha mnikket
fuq gelgul demm
imxerred fuq ir-ramel,
u l-barrin ta' Guisando,
ftit mewt u ftit ħaġar,
għajtu bħal żewġ sekli
imxebbgħin idommu l-art.

Le.
Ma rridx narah!
Ignacio jitla' l-istrati
b'mewtu kollha fuq spallejh.
Huwa fittex it-tbexbix
imma t-tbexbix ma kienx aktar.
Ifittex il-profil kunfidenti tiegħu
u l-ħolma tikkonfondih.
Fittex lil ġismu sabiħ
u ltaqa' ma' demmu mibruħ.
Titolbunix narah!
Ma rridx nisma' l-gelgul jispara
kull darba b'inqas saħħa:
dik il-qabża li ddawwal
il-fillieri tal-imgħaqad, u tixtered
fuq il-courderoy u fuq il-ġilda
ta' multitudni għatxana.
Min qiegħed jgħajjat li għandi nersaq viċin!
Titolbunix narah!

Għajnejh ma ngħalqux
meta l-qrun fil-qrib lemaħ,
imma l-ommijiet terribbli
għollew rashom.
U mal-irziezet tal-ifrat,
telgħet arja ta' ilħna sigrieti,
jgħajtu lill-barrin ċelesti,
raħħala taċ-ċpar pallidu.
Ma kien hemm ebda prinċep f'Sivilja
li seta' jitqabbel miegħu,
la xabla bħal tiegħu,
la qalb hekk ta' vera.
Bħal xmara ta' ljuni
kienet saħħtu meraviljuża,
u bħal sider tal-irħam kienet soda
il-prudenza miġbuda tiegħu.
L-arja ta' Ruma Andalużjana
induratlu lil rasu
fejn tbissimtu kienet bħal nard ifuħ
ta' dehen u intelliġenza.

X'kobor ta' toreador kien fl-arena!
X'ħaddiem tal-id tajjeb kien fis-sierra!
Kemm kien ġentili mas-sbul tal-qamħ!
Kemm kien iebes mal-ixpruni!
Kemm kien ħelu mal-indewwa!
Kemm kien igħammex fil-fiesta!
Kemm kien tremend
mal-aħħar banderillas tad-dlam!

Imm'issa rieqed bla tmiem.
Issa l-ħażiż u l-ħaxix
Jiftħu, b'subgħajn felħana,
il-fjura tal-kranju tiegħu.
u issa demmu joħroġ ikanta;
ikanta fl-artijiet mgħaddra u fil-mergħat,
jiżloq fuq il-qrejjen iffriżati,
itemtem bla ruħ fiċ-ċpar
jitfixkel f'elf difer ta' bhima
bħal ilsien twil, imdejjaq, oskur,
biex jifforma għadira ta' agunija
ħdejn il-Quadalguivir kewkbiena.
O, ħajt bajdan ta' Spanja!
O, barri sewdien tan-niket!
O, demm iebes ta' Ignacio!
O, rużinjol tal-vini tiegħu!
Le!
Ma narahx!
Ebda kalċi ma jista' jesgħu,
ebda ħuttaf ma jista' jixorbu,
ebda ġlata tad-dawl ma tista' tberrdu,
jew għanja, jew dulluvju ta' ġilju abjad,
ebda ħġieġ ma jista' jiksih bil-fidda.
Le.
Ma rridx narah!






3 IL-ĠISEM STENDUT

Il-ġebel huwa moħħ fejn il-ħolm jingħi
bla l-ilma jserrep u ċ-ċipress jiffriża.
Il-ġebel huwa spalla fuq xiex iġġorr iż-żmien
b'siġar iffurmati mid-dmugħ u ż-żagarelli u l-pjaneti.

Rajt ħalbiet tax-xita griżi jimxu lejn l-imwieġ
jerfgħu dirgħajhom torja mtertqa
biex jeħilsu mill-ħafna tal-ġebel mimdud
li jħollilhom riġlejhom, bla ma jxarrbilhom demmhom.

Għax il-ħaġar jiġbor żrieragħ u sħab,
skeletri tal-alwett u lupi tal-penumbra:
iżda la jrendi ħsejjes, la kristalli u lanqas nirien,
areni tal-barri biss u areni tal-barri u iktar areni tal-barri bla ħitan.

Issa, Ignacio, dak li twieled tat-tajjeb, imqiegħed fuq il-ħaġar.
Kollox mitmum! X'inhu jiġri! Xtarrulu wiċċu:
il-Mewt għattietu b'kubrit safrani
u poġġietlu fuqu r-ras ta' minotawr oskur.

Kollox mitmum! Ix-xita qed tinfidlu ħalqu.
l-arja, bħallikieku miġnuna, tħalli ‘l sidru mixrub
u l-imħabba, imxarrba għasra bid-dmugħ tas-silġ
issaħħan lilha nfisha fuq il-quċċata tal-merħla.

X'inhuma jgħidu? Waqa' skiet irejjaħ.
Ninsabu hawn b'ġisem mimdud li ser jintefa,
b'forma pura li kellha r-rużinjoli
u nilmħuha timtela' b'toqob bla qigħan.

Min ikemmex il-kefen? Dak li jgħid mhux veru!
Hawn ħadd ma jkanta, ħadd ma jibki fir-rokna,
ħadd ma jniggeż l-ixpruni, lanqas iwerwer lis-serp.
Hawn ma rrid xejn iktar għajr għajnejn tondi
biex nara ʼl ġismu bla ċans ta' mistrieħ.

Hawn, irrid nara ʼl dawk l-irġiel ta' leħen iebes.
Dawk li jkissru ż-żwiemel u jiddominaw lix-xmajjar;
dawk l-irġiel ta' skeletri jfaqqgħu li jkantaw
b'fomm mimli xemx u żnied.

Hawn irrid narahom. Quddiem il-ħaġar.
Quddiem dal-ġisem b'riedni miksura.
Irrid naf mingħandhom l-eżodu tat-triq
għal dal-kaptan imneħħi mill-mewt.

Irridhom juruni lament bħal xmara
li jkollha ċpar ħlejju u xtajtiet fondi,
biex jieħdu ġisem Ignacio fejn jintilef
bla ma jisma' t-tħarħir doppju tal-barrin.

Jitlef lilu nnifsu fl-arena tonda tal-qamar
li bħal tifla muġugħa li ma tiċċaqlaqx
tintilef fil-lejl ta' bla kant il-ħut
u fil-boskett abjad tad-duħħan iffriżat.

Ma rridhomx jgħattulu wiċċu bl-imkatar
għax inkella jidra l-mewt li qed iġorr.
Mur, Ignacio, tħossx it-tħanxir jaħraq.
Orqod, tir, strieħ: anke l-baħar imut!



4 RUĦ ASSENTI

Il-barri ma jafekx, lanqas it-tina,
lanqas iż-żwiemel, lanqas in-nemel ta' darek stess.
It-tfajjel u l-waranofsinhar ma jafukx
għax int mitt għal dejjem.

Ġenb il-ħaġar ma jafekx
lanqas is-satin sewdieni, fejn tinsab mitbuq.
Il-memorja siekta tiegħek ma tafekx
għax int mitt għal dejjem.

Tiġi l-Ħarifa b'bebbux abjad żgħir,
għeneb bil-lega u għoljiet imgeddsa,
imma ħadd ma jħarislek f'għajnejk
għax int mitt għal dejjem.

Għax int mitt għal dejjem,
bħall-mejtin kollha ta' fuq l-art,
bħall-mejtin kollha li huma minsija
f'munzell ta' klieb bla ħajja.

Ħadd ma jafek. Le. Imma jien ngħanni dwarek.
Għal ta' warajk, ngħanni dwar il-profil u l-grazzja tiegħek.
Dwar il-maturità insinji ta' fehemtek.
Dwar l-aptit tiegħek għall-mewt u t-togħma ta' fommha.
Dwar id-diqa tal-gost valoruż tiegħek ta' darba.

Irid jgħaddi żmien twil, jekk qatt, qabel jitwieled
Andalusjan hekk ta' veru, hekk għani fl-avventura.
Ngħanni dwar l-eleganza tiegħu bi kliem li jitniegħed,
u niftakar żiffa mnikkta fis-siġar taż-żebbuġ.

Therese Pace
(December 2014 Birkirkara, Malta)

This is a translation of the poem Lament For Ignacio Sánchez Mejías by Federico García Lorca
Tuesday, March 29, 2016
Topic(s) of this poem: mourning
POET'S NOTES ABOUT THE POEM
I have always loved this poem written by Federico Garcia Lorca. Seeing that there was no translation of this poem into the Maltese language, I set out to do it myself.
Close
Error Success