Iċ-Ċimiterju ta' Arlington, Virginia Poem by Adrian Grima

Iċ-Ċimiterju ta' Arlington, Virginia

F'din l-ewwel skola fil-miftuħ li qatt żort
hawn il-bankijiet u l-istudenti kwieti u ggalbati
imqegħdin f'ringieli kważi perfetti.
Is-skiet mhuwiex żball, jew passività,
jew ingratitudni lejn l-għalliema.
Li kellhom jitgħallmu tgħallmuh,
u issa jisktu huma biex nitgħallmu aħna
li nduru u nħufu f'dawn il-klassijiet moderni
mingħajr ħjiel, kieku ma jgħidulniex ta' qabilna,
li sibna ruħna fl-aħjar skola possibbli.

Uħud mill-ex-alumni għandhom bank
ikbar minn ta' sħabhom
imma l-biċċa l-kbira laħqu 'ndunaw bid-differenza fil-qisien
u għamlu bank bħal tas-soltu,
kemm kemm joqgħod ġisem ta' bniedem
u post fejn tħarbex xi ħaġa.

Arlington jgħallmuk kollox f'daqqa
u mbagħad ma jkollokx għalfejn issaqsi aktar.

COMMENTS OF THE POEM
READ THIS POEM IN OTHER LANGUAGES
Close
Error Success