L-Ajkla (L'Aquila, fejn għext fix-xitwa tal-1999/2000) Poem by Antoine Cassar

L-Ajkla (L'Aquila, fejn għext fix-xitwa tal-1999/2000)

U f'nofs ta' lejl
qabad u theżżeż kull m'hemm:
il-belt, id-dlam, id-demm.

Bħal ġugarell
fil-ponn ta' ltim inkurlat
inħasad b'damdima l-munġbell
u d-djar tal-pupi ġġarrfu
taħt balzmu tat-trab.

Il-ġilda tad-dinja ċediet,
l-irkoppa tal-Italja ntwiet,
il-mappa kanġiet
ilwien u suriet,
l-art saret baħar inkwiet.

Hawnhekk il-kamra kollha kotba
ta' Via D'Annunzio,
hawnhekk il-lejla bajda qotna
tal-bewsa twila
f'Via dei Torreggiani,
hawnhekk is-suq imwarrad
fila fuq fila
ta' Piazza Duomo,
hawnhekk il-kummerċ immarrad
fil-musrana mħarrka
tal-Corso -
tifkiriet ta' tifkiriet
imfarrka.

F'temp ta' tektika mtertqa
dak li bnejna l-bnedmin bizzilla
jeħfifilna bil-qilla,
jikfisna, jiknisna,
u jerġa' jgħallimna
li aħna m'aħna xejn ħlief leħħa ta' berqa,
għabra ta' stilla,
traba daqs nitfa.

Taħt l-arloġġ imxaqqaq
hemm ajkla twaqwaq -
forsi għax intebhet fis
li twieldet mingħajr ġwinħajn,
forsi għax fehmet
li fix-xbiek wesgħin tal-kwiekeb
id-destin tal-ħajja ma jgħammarx,
iżd'aktarx
jgħum, jissajja,
iżaqżaq
magħġun fit-tjun
tal-kaldarun jiċċaqċaq
taħt l-art.

COMMENTS OF THE POEM
READ THIS POEM IN OTHER LANGUAGES
Close
Error Success