Ċomb fl-okkażjoni ta' "Operation Cast Lead" Poem by Antoine Cassar

Ċomb fl-okkażjoni ta' "Operation Cast Lead"

ixirfu minn taħt il-mejda, isorru
ftit ħwejjeġ, ftit larinġiet żejda, iġorru
lit-tifel bl-ors imħanxar fil-wejda, imorru
lejn l-għalqa għall-kenn ta' ġol-bejta, ikorru
bil-frak tal-ħġieġ ħiereġ imħeġġeġ
mit-tifqigħa tal-moskea mejta.

Tixref minn ġod-daħna tajjar, tidwi
ħemdet żewġha wara l-istar, miksi
bit-trab qed jirtab u jiħdar, jikwi
demm binha fuq ksieħ il-liżar, li lanqas jibki
ma jiflaħ, la fommu ma jiftaħ
fil-kuritur ifur tal-isptar.

X'ħela ta' ħin, x'ħela ta' ħajja
x'ħela ta' ħniena bla sliema titlajja,
mill-beraħ tas-sema, mill-wesgħa tal-bajja
bombi taċ-ċomb minn ġo tombla ġarrajja,
battalja battala bla tpattija tissajja:
duħħan ġo duħħan, tbajja' fuq tbajja'.

COMMENTS OF THE POEM
READ THIS POEM IN OTHER LANGUAGES
Close
Error Success